Wara li jieħdu Mifepristone, ħafna nisa ma jesperjenzaw xejn. Ma jaraw l-ebda demm jew biss ftit spotting. Dan huwa normali. Il-korriment għandu jibda wara li tieħu Misoprostol.
Ħafna nisa jibdew jesperjenzaw bugħawwieġ fiż-żaqq ftit wara li jqiegħdu Misoprostol taħt ilsienhom. F'nisa oħra l-bugħawwieġ jibdew wara ftit sigħat.
Id-demm għandu jsegwi l-bugħawwieġ, u għandu jkun iktar qawwi minn period normali. Clots jew biċċiet ta' laħam fid-demm normalment jindikaw li t-tqala ħarġet.
Jekk ma jkollokx ħafna bugħawwieġ jew demm wara madwar tliet sigħat minn meta ħadt Misoprostol, għandek tieħu doża oħra. Tista' tkompli tieħu dożi ripetuti ta' Misoprostol sakemm tispiċċa l-provvista tiegħek. Jekk tispiċċa l-misoprostol kollu u għad m'għandekx sinjali u sintomi ta' korriment, allura dan jista' jkun sinjal li l-abort ma seħħx kif ippjanat. Hemm żewġ raġunijiet komuni għal dan:
1. Ma kontx tqila meta użajt il-pilloli tal-abort, jew
2. Il-Misoprostol skada u ma kienx għadu effettiv.
Jekk taħseb li l-abort ma rnexxiex, għandek tirranġa biex tagħmel ultrasound. Tista' tikkuntattja lill-FPAS u l-voluntiera tagħna jinfurmawk min jista' jagħmel din l-ultrasound għalik. L-ultrasound jiddetermina jekk għadekx tqila, u kemm hi avvanzata t-tqala.
Jekk għadek tqila, dak li tagħmel wara huwa f'idejk. Jekk tiddeċiedi li tkompli bit-tqala, kun af li hemm riskju żgħir li l-fetu seta' ġie affetwat ħażin mill-pilloli tal-abort u jista' jkollu xi diformita'. Jekk tiddeċiedi li terġa' tipprova ttemm it-tqala, tista' tieħu kors ieħor ta' pilloli tal-abort jekk għadek taħt it-12-il ġimgħa, jew tista' tirranġa biex tagħmel abort fi klinika barra l-pajjiż. Tista' tikkuntattja lill-FPAS biex tiddiskuti l-għażliet tiegħek mal-voluntiera tagħna.
Comments
0 comments
Article is closed for comments.