Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet le, sakemm ma jkollokx xi kumplikazzjoni jew tissuspetta li l-abort ma rnexxiex.
Il-biċċa l-kbira (aktar minn 95%) tan-nisa li jużaw pilloli tal-abort fl-ewwel 12-il ġimgħa tat-tqala ma jkollhom bżonn l-ebda assistenza medika u l-abort iseħħ mingħajr kumplikazzjonijiet. Il-demm u l-uġigħ normalment jibdew ibattu minn madwar 5 sigħat wara Misoprostol, u l-demm normalment jieqaf kompletament wara ftit ġimgħat.
L-abort jista' jiġi kkonfermat b'test negattiv tat-tqala tliet ġimgħat wara Misoprostol. Jekk tagħmel test tat-tqala aktar kmieni dan jista' jipproduċi riżultat pożittiv falz għaliex idum sa tliet ġimgħat biex l-ormoni tat-tqala jitilqu mill-ġisem wara abort. Ultrasound jista' jikkonferma li l-abort kien suċċess qabel test tat-tqala, u jista' jgħin biex iserraħlek rasek. Għandek tistenna madwar 7 ijiem wara li tuża Misoprostol qabel ma tibbukja ultrasound biex tagħti ċans lill-utru jitnaddaf.
Jekk tissuspetta li għandek xi kumplikazzjoni, per eżempju timla' aktar minn żewġ maxi pads fis-siegħa għal sagħtejn jew aktar, jew ikollok uġigħ qawwi li ma jerħix bil-painkillers, jew tiżviluppa deni jew tnixxija mill-parti tiegħek li tinten, għandek tfittex assistenza medika. Ultrasound jgħin biex jinstabu xi biċċiet tat-tqala li jkun fadal fl-utru li jkollhom bżonn jitneħħew mit-tabib. Jekk tkun ma tiflaħx ħafna wara abort għandek tmur l-isptar minnufih. Jekk ikollok sintomi minuri wara abort, tista' tibbukkja ultrasound fi klinika privata tal-ġinekoloġija.
Jekk trid tagħmel ultrasound imma ma tridx tara l-ġinekologu tas-soltu tiegħek, u tixtieq li nirrakkomandawlek ġinekologu, jekk jogħġbok ikkuntattja lill-FPAS u l-voluntiera tagħna jgħinuk.
Comments
0 comments
Article is closed for comments.