Jekk isir fl-ewwel 12-il ġimgħa, abort mediku (abort bil-pilloli) iġorr riskju żgħir ta' kumplikazzjonijiet. Dan ir-riskju huwa l-istess bħal meta mara jkollha korriment naturali. Minn kull 100 mara li jagħmlu abort mediku, bejn 2 u 3 nisa jkollhom bżonn kura medika.
Din il-lista fiha l-kumplikazzjonijiet li jistgħu jiġru wara abort bil-pilloli, is-sintomi tagħhom, u t-trattament tagħhom:
Telf ta' wisq demm (isseħħ f'inqas minn 1% tal-każijiet)
- Sintomi: Demm qawwi ħafna li jdum għal aktar minn sagħtejn, u jimla aktar minn 2 maxi pads kull siegħa. Jekk tħossok sturduta jew itik ħass ħażin, dan jista' jfisser li tlift wisq demm. Dan jeħtieġ attenzjoni medika urġenti fi sptar.
- Trattament: Proċedura biex tneħħi kwalunkwe biċċa li jifdal mit-tqala. Fluwidi (bħal saline jew Hartmann's solution) jingħataw ġol-vina. Rari ħafna (inqas minn 0.2%) tkun meħtieġa trasfużjoni tad-demm.
Abort mhux komplut
- Sintomi: demm qawwi u persistenti u/jew uġigħ qawwi u persistenti.
- Trattament: żewġ pilloli oħra ta' misoprostol biex jitlesta l-abort, u/jew proċedura l-isptar biex tneħħi kwalunkwe biċċa li jkun fadal mit-tqala.
Infezzjoni
- Sintomi: Jekk jitlagħlek deni ta' aktar minn 38 grad Celsius għal aktar minn 24 siegħa, jew deni ta' aktar minn 39 grad Celsius, jista' jkun hemm infezzjoni li teħtieġ kura immedjata. Tnixxija li tinten mill-parti tiegħek hija wkoll sinjal ta' infezzjoni. Din teħtieġ attenzjoni medika urġenti fi sptar. Kun af li ħajta deni (bejn 37 u 38 grad Celsius) wara li tuża Misoprostol tista' tkun effett tal-Misoprostol u mhux neċessarjament tfisser li hemm infezzjoni.
- Trattament: antibijotiċi u/jew proċedura biex jitneħħew kwalunkwe biċċiet li jifdal tat-tqala.
Jekk taħseb li jista' jkollok kumplikazzjoni għandek tfittex attenzjoni medika immedjatament. F’Malta, dan ifisser li tmur l-Isptar Mater Dei, u f’Għawdex l-Isptar Ġenerali t’Għawdex. M'għandekx għalfejn tgħidilhom li ppruvajt tikkawża abort; tista’ tgħidilhom li kellek korriment naturali. It-tobba għandhom l-obbligu li jgħinuk u jafu kif jieħdu ħsieb ta' korriment.
Is-sintomi ta’ korriment u abort bil-pilloli huma ġeneralment l-istess u t-tabib ma jkunx jista’ jittestja għal xi evidenza ta’ abort, sakemm ma jinstabux traċċi tal-pilloli fuqek. Jekk ħadt il-Misoprostol taħt l-ilsien, mhu se jkun baqa l-ebda traċċa tagħhom. Jekk ħadt il-pilloli b'mod vaġinali, tista' tiċċekkja b'subgħajk biex tiżgura li huma maħlula. Traċċi tal-pilloli jistgħu jinstabu fil-vaġina sa erbat ijiem wara li ddaħħluhom.
F'inqas minn 1% tal-każijiet, it-tqala tkompli wara li jintużaw il-pilloli tal-abort. Jekk is-sintomi tat-tqala, bħal dardir ta' filgħodu, ikomplu wara li tuża l-pilloli tal-abort, jew jekk test tat-tqala jibqa' posittiv anka wara li jkunu addew tliet ġimgħat mindu ħadt il-pilloli tal-abort, għandek tirranġa għal ultrasound biex tara t-tqala komplietx. Jekk il-pilloli tal-abort fallew, ikun hemm żieda żgħira fir-riskju ta' difetti fit-tarbija. F'dawn il-każijiet tista' tirrepeti l-abort bil-pilloli (jekk għadek inqas minn 12-il ġimgħa tqila), jew tagħżel abort fi klinika barra minn Malta.
Comments
0 comments
Article is closed for comments.