Malta għandha projbizzjoni totali fuq l-abort, bil-liġi tipprojbixxi kompletament l-abort u tikkriminalizza l-att tal-abort kemm għal min jipprovdi l-abort kif ukoll għall-mara li qed tfittex l-abort. Il-liġi ma tipprovdi l-ebda eċċezzjoni, li jfisser li l-abort f’Malta mhux permess taħt l-ebda ċirkostanza, lanqas f’każijiet fejn is-saħħa tal-mara tkun f’riskju, jew meta t-tqala tkun riżultat ta’ stupru jew inċest, jew f’każi ta’ anomalija fatali tal-fetu.
Il-Kodiċi Kriminali jgħid:
Artiklu 241.(1) Kull min b’ikel, b’xorb, b’mediċini, jew bi vjolenza, jew b’kull mezz ieħor, jikkaġuna l-abort ta’ mara tqila, sew bil-kunsens kemm ukoll mingħajr il-kunsens tagħha, jeħel, meta jinsabħati, il-piena ta’ priġunerija minn tmintax-il xahar sa tliet snin.
Artiklu 241. (2) L-istess piena tingħata kontra l-mara li tikkaġuna l-abort fuqha nfisha, jew li tkun qagħdet għall-użu tal-mezzi li bihom l-abort ġie ikkaġunat.
Artiklu 243. Kull tabib, kirurgu, ostetriku jew spiżjar illi xjentement ikun wera jew ta l-mezzi li jkunu ikkaġunaw l-abort, jeħel, meta jinsab ħati, il-piena ta’ priġunerija minn tmintax-il xahar sa erba’snin u l-piena tal-interdizzjoni perpetwa mill-eżerċizzju tal-professjoni tiegħu.
Minkejja din il-liġi, huwa rari li n-nisa jiġu mħarrka talli għamlu abort, u l-ebda mara ma marret il-ħabs talli għamlet abort f’dawn l-aħħar 25 sena.
Comments
0 comments
Article is closed for comments.